Storja
 

Insellmilkom

Ħbieb, Jien minn dejjem, dilettant tal-Ġimgħa Mqaddsa u ġieli ħadt sehem fil-Proċessjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Ħal-Qormi u sa minn ċkuniti kont nixtieq li jkolli sett vari tal-Passjoni, l-mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu. Kien fis-sena 1998 li x-xewqa tiegħi bdiet issir realta għax propju f’din is-sena bdejt nixtri l-ewwel vari u hawn bdejt bl-ewwel erba’ Statwi minn sett ta’ 13-il Vara ta’ Spanja, li huma Ġesu fl-Ort, Il-Bewsa ta’ Ġuda, ir-Redentur w id-Duluri. Dawn l-erba’ Statwi ġew imbierka mill-Arċipriet tal-Parroċċa Rev. Frans Abdilla w armajthom f’numru 84, fi triq il-Barrakki f’ Ħal-Qormi.

Fis-sena ta wara 1999 komplejt inżid ma dawn l-erba’ statwi u xtrajt erba’ statwi oħra li huma: Il-Marbut li fis-sena 2003 żidt Manigold miegħu, Ecce Homo li żidt suldat miegħu, il-Monument u l-Irxoxt li fl-2005 indurajtu bid-deheb. Dawn gew imbierka minn Rev. Feliċ Tabone. Għal Ġimgħa l-Kbira ta’ din is-sena wkoll erġajt armajthom f’ numru 84, fi triq il-Barrakki Ħal-Qormi. Kif għaddiet il-Ġimgħa l-Kbira mort kellimt lis-Sur George Debono biex jaħdimli sett bankuni għalihom u George aċċetta mill-ewwel. Is-Sur George Debono ħadimli sett bankuni mill-isbaħ għax hu wkoll dilettant tal-Ġimgħa l-Kbira. Mhux biss imma ħadimli wkoll altar ta’ l-injam bħall tal-Knisja ta’ San Ġorġ Martri biex inkun nista’ nużah għas-Sepurklu. Għalhekk minn qalbi nirringrazzja lis-Sur George Debono.


Wara komplejt naħseb biex inkompli ngħaqqad dan is-sett ta’ statwi li jkompli jgħina nidħlu aktar fl-ispirtu ta’ dan iż-żmien sabiħ u jwassalna biex niċċelebraw kif jixraq l-akbar festa tal-Knisja li hi l-Għid il-Kbir u fis-sena 2000 komplejt inżid u ma’ dan is-sett u xtrajt tliet statwi oħra, li huma dawn: l-istatwa ta’ l-aħħar cena li Ġesu għamel ma’ l-Appostli meta waqqaf l-Ewkaristija Mqaddsa, L-istatwa ta’ Ġesu’ jiltaqa’ m’ Ommu li żidt magħha Suldat w il-Veronika li magħha żidt Suldat u l-Kristu mgħobbi bis-Salib, Din is-sena billi fejn kont nagħmilhom qabel ma kellix spazju biżżejjed kelli neħodhom f’post akbar u għalhekk iddeċidejt li għall-ewwel darba nagħmilhom għal-Wiri fil-Garage, 26 Triq Kappadoċja Ħal-Qormi fejn għadni ntellgħa wirja kull sena. Din il-Wirja ġiet imbierka minn Rev. Raymond Zammit

Fis-sena 2001 ma’ dawn l-istatwi komplejt inżid, xtrajt tlett statwi oħra li huma l-istatwa ta’ Kristu quddiem Pilatu, l-Vara l-Kbira, u Statwa ta’ Kristu Mejjet fi ħdan Ommu. Wara li s-sur George Debono lestlieli l-bankuni, kien imiss li jsiru l-emblemi b’simbolu għal kull statwa. Dawn ħadimhom is-Sur Mario Debono u nixtieq nirringrazzjah.
Fis-sena 2002 bdejt intella’ għall wiri wkoll standard, żewġ bandalori waħda “Passio Domini Nostri Jesu Christi” u l-oħra “S. P. Q. R.” bandalori bis-seba’ kelmiet li għamiltilhom ‘stands’ tal-‘White metal’ Issa li twaħħlu l-emblemi kien sar id-dawl fuq il-Bankuni kollha minn barra dak taċ-ċena. Hawn bdejt inżid xi mħaded bis-simboli dwar il-Passjoni.


Fis-sena 2003 ukoll komplejt inżid għadd ta’ simboli oħra fosthom sett ta’ simboli fuq, platti, ix-Xemx, l-arka tal-Patt u s-serduq. F’din is-sena wkoll għamilt l-ewwel fuljett biex jitqassam f’din il-Wirja dan ġie settjat u stampat għand il-Best Print tal-Qrendi.

Fis-sena 2004 żidt statwa oħra dik tad-Daħla ta’ Ġesu f’Ġerusalem riekeb fuq felu ta’ ħmara, għamilt għal-wiri sett ġdid tat-Triq tal-Passjoni (Via Sacra) salib tal-Via Sacra, u diversi simboli oħra fosthom l-għeneb u l-muniti Din is-sena wkoll erġajt għamilt fuljett għand il-Best Print.

Fis-sena 2005 żidt statwa oħra dik ta’ Kristu Mejjet jiġi mniżżel minn fuq is-Salib li hi meħudha minn fuq sett ieħor, żewġ suldati għal ma Kristu Rxoxt u l-Barabba għal ma’ l-istatwa ta’ Kristu quddiem Pilatu. Din is-sena s-Sur George Debono ħadimli l-Bankuni għall-dawn l-istatwi. Eżatt kif għaddiet il-Ġimgħa l-Kbira u bdejt nagħmel kollox f’postu bdejt naħseb għall-Ġimgħa l-Kbira tas-sena ta’ wara jiġifieri 2006, ordnajt il-brazzi tad-dawl għal bankuni li lestieli s-Sur George Debono u bdejt naħseb biex nagħti dehra isbaħ l-altar tar-Repożizzjoni. Kellimt lis-Sur Anthony Portelli li aċċetta mill-ewwel li jagħmel dan ix-xogħol.

Fis-sena 2006, barra li komplejt inżid aktar simboli bħal swat bl-imsiemer, il-balena tibla’ l-Ġona, simboli żgħar li jagħtu tifsira għall-partijiet mill-Passjoni filwaqt li għall-Altar tar-Repożizzjoni (Sepurklu) xtrajt ċensier, żewġ Anġli bid-dawl u żewġ Anġli żgħar jaduraw.
Fis-snin 2003, 2004,2005,2006, 2007, 2008, 2009, 2010, għamilt fuljett u Poster għand il-Best Print.
Għal din is-sena għandi pjanat li nżid statwa oħra dik tad-Difna ta’ Sidna Ġesu Kristu li ilha ordnata u jekk Alla jrid forsi tkun lesta din is-sena. Din is-sena wkoll għandi l-emblemi kollha li kien għad fadal tal-istatwi li żidt l-aħħar. Beħsibni nżid ukoll xi simboli li għad fadal biex tkun kompluta minn kollox. Imma kull meta naħseb li tkun kompluta dejjem ninduna li jkun għad fadal xi jsir Għal darb’oħra erġajt tajt ix-xogħol lil-Best Print biex jissettjali u jistampali mhux biss il-Poster iżda wkoll fuljett ieħor.

Komplejt inzid is-simboli kull sena u dis-sena l-ħolma li nżid l-istatwa tad-Difna saret realta' għax proprju din l-istatwa ingħaqdet mas-sett tal-vari nhar it-Tnejn 22 ta' Marzu 2010. Diga' kellimt lis-Sur George Debono biex għas-sena d-diehla jaħdimli l-bankun taħhha u bankuni ora tas-seba' kelmiet li dis-sena saru ġodda rrakkmati. Fis-sena 2011 bdew jinbidlu d-dijademi ta' Kristu li dawn sarui tal-Fidda. Fis-sena 2012 inbidlu d-dijademi tal-Madonna li saru tal-Fidda wkoll u fis-sena 2013 saru d-Dijademi tal-Qaddisin. Fis-sena 2014 saru s-sjuf tad-Duluri tal-Fidda u fis-sena 2015 saru l-Inri tal-Fidda u ġew irrestawrati l-Kalċijiet li jintużaw fil-mejda tal-Appostli. Fis-sena 2015 iżżanżnu wkoll fjuri tal-Ganutell għall-istatwi. Fis-sena 2016 ser iżżanżnet f'din il-Wirja Statwa oħra li tirrappreżenta ċ-ċaħda ta' Pietru li għad m'għandiex il-Bankun tagħha. Wara waqfa tatliett snin din is-sena żidt żewġ statwi oħra dik ta' Ġesu Kristu qed jiġi msallab u l-Golgota. Is-sena d-dieħla jekk alla jrid isiru l-Bankuni tagħhom Hawn nixtieq nirringrazzja lil kull minn tani l-għajnuna tiegħu biex stajt nasal sa hawn.